Il-binja taċ-Ċentru Laburista jiddomina fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid.
Iżda din il-binja mhix każin bħall-oħrajn. Matul is-snin iċ-Ċentru Laburista ta’ Raħal Ġdid akkwista titlu importanti fl-istorja ċentenarja tal-Partit Laburista. Dak ta’ bastjun dejjiemi fil-ġlieda u r-reżistenza tal-Partit fil-ġliediet storiċi kontra l-kolonja, il-knisja, il-Partit Nazzjonalista u saħansitra l-iġġarfien tal-binja b’riżultat ta’ splużjoni fatali li seħħ bħal lum 33 sena ilu.
RITRATT: Iċ-Ċentru Laburista ta’ raġal Ġdid fis-snin 80.
RITRATT: Li fadal miċ-Ċentru Laburista ta’ Raħal Ġdid wara l-isplużjoni fl-1992
Mill-isfida tal-irvellijiet ta’ April tal-1958, it-taqbida bejn il-Partit Laburista u l-Knisja, u l-kwistjonijiet tas-snin 70 u 80, l-akbar sfida tal-partitarji Laburisti f’Raħal Ġdid, kienet dwar x’kienu se jagħmlu bil-binja tagħhom imġarraf wara l-isplużjoni fil-lejl ta’ bejn it-16 u d-19 ta’ Marżu 1992?
Dakinhar kienu mietu omm u tarbija li kienu jgħixu fis-sular ta’ fuq tal-ħanut ‘Oxford House’ li kien jiġi biswit il-każin.
F’dak il-lejl, żewġ persuni kienu xeħtu kwantita’ ta’ petrol biex jaħarqu l-ħanut, li minflok sploda l-binja u ġġarraf kollox.
RITRATT: Il-vojt kkawżat bit-tiġrif tal-binja fl-1992
Orfni mill-każin tagħhom, ta’ Raħal Ġdid żammew sodi mar-reputazzjon i ta’ Laburisti qlubija li għandhom, u ġabru minn buthom il-flus meħtieġa biex mhux niss jerġgħu jibnu l-każin mill-ġdid, iżda saħansitra jixtru l-art u jagħmluh tal-Partit Laburista darba għal dejjem.
Wara l-akkwist tal-art u l-binja, hemm storja ħelwa, li tara protagonist lil Frans Portelli, attivisti magħruf fil-lokal, li ħa f’idejh ir-responsabbilta’ li jibni l-każin flimkien ma’ ibnu Jeremy u attivisti oħrajn.
RITRATT: Il-ħidma tas-serviżżi tas-salvataġġ fil-binja mġarrfa fl-isplużjoni tal-1992
Iżda qabel ma beda jibni, Frans Portelli nħatar bħala l-President tal-Każin ta’ Raħal Ġdid wara li rnexxielu jikkonvinċi lils-sidien tal-Oxford House biex ibiegħu l-art lilu, u mhux lill-Partit laburista.
Bil-flus miġbura mingħand l-attivisti, u flus oħrajn maħruġa mill-kwartieri tal-Partit, Frans akkwista l-art u malli kien kien il-mument opportun, għadda t-titlu tal-art uffiċċjalment lura lill-Partit Laburista.
Frans – li llum m’għadux magħna – jibqa’ mfakkar bħala suldat tal-ażżar tal-Partit Laburista, li sofra għaff ta’ transfers vendikattivi matul iż-żminijiet ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti, propju għaliex kulħadd kien jaraħ jibni l-każin mill-ġdid.
Illum ix-xettru tal-Presidenza taċ-Ċentru Laburista għadda għand Stefan Zaħra li baqa’ jżomm ħaj l-attiviżmu fil-lokal, filwaqt li jżomm dan iċ-Ċentru attiv ħafna b’għadd ta’ inizjattivi li jinvolvu lill-partitarji fuq bażi regolari ħafna.
RITRATT: Frans Portelli (lemin) li President li bena mill-ġdid iċ-Ċentru Laburista ta’ Raħal Ġdid
Dan l-aħħar, Stefan Zahra rnexxielu jiġbor somma sostanzjali mingħand l-attivisti tal-lokal biex issa se jkun installat lift fil-binja.
RITRATTI: Iċ-Ċentru Laburista ta’ Raħal Ġdid illum.