Meta ta’ kull ġimgħa ningħaqad ma’ sieħbi Neville Gafa, u mmur sal-Belt ħdejn il-Monument tal-Assedju l-Kbir, nikkummenta miegħi nnifsi fuq l-assurdita’ tal-presenza tiegħi hemmekk.
Nistqsi wkoll fuq assurdita’ oħra: Dik tas-sentenza mħollija minn Joseph Zammit Mckeon bħala Mħallef, li ppermetta t-tpoġġija ta’ ritratti, fjuri, xemgħat u messaġġi ma’ dan il-Monument Nazzjonali. Skont dan l-Imħallef, dik hi ‘liberta’ tal-espressjoni,’
Sa mill-2017, il-Monument tal-Assedju l-Kbir quddiem il-Qorti fil-Belt, spiċċa ikkapparat – ngħid jien abbużivament – minn grupp ta’ nies bl-iskuża tal-ġlieda lejn il-ġustizzja għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dan il-Monument Nazzjonali – simbolu tal-qlubija ta’ ġensna kontra l-għadu Ottomann – kien ittrasformat f’bottegin ta’ qsari, ritratti, xemgħat u fuq kollox b’messaġġi kontra l-Gvern immexxi mill-Partit Laburista.
Meta l-Ministru Owen Bonnici ordna t-tindif ta’ dak kollu li tpoġġa mal-monument, qamu l-irwiefen kollha, tant li nfetħet kawża Kostituzzjonali minn Manwel Delia f’isem Repubblika, u ntrebħet.
Sadanittant, Robert Abela, elett f’Jannar tal-2019 fil-kariga ta’ Prim Ministru, ordna biex il-monument ma jitnaddaf minn ħadd, bil-konsegwenza li żdiedu u mhux tnaqqsu l-affarijiet madwar l-istess monument.
Kwasi fl-istess ħin, ingħatat is-sentenza minn Zammit McKeon li sostna fuq id-dritt ta’ Repubblika li tpoġġi li trid ma’ dan il-monument, għaliex dik hi l-liberta’ tal-espressjoni!
Armati b’din is-sentenza, ta’ Repubblika u sħabhom rabbew l-arja u għamlu dan il-Monument Nazzjonali, litteralment propjeta’ tagħhom.
B’hekk, b’din l-iskuża tal-liberta tal-espressjoni, Neville Gafa beda l-kampanja tiegħu, u jisfrutta l-anomalija li nħolqot minn Zammit McKeon, għaliex il-Gvern qatt ma appella minn dik is-sentenza.
Xi xhur ilu, għaraft li Gafa kellu raġun jisfida dik is-sentenza, u ddeċidejt li ningħaqad miegħu. Għaliex bl-iskuża tas-sentenza Zammit McKeon, aħna wkoll stajna nesprimu l-liberta’ tal-espressjoni tagħna, u npoġġu l-placards u l-messaġġi tagħna.
Qed ngħid dan kollu, għaliex is-sentenza Zammit McKeon ħolqot il-kaos, u fuq kollox tat il-barka għad-diżubbidjenza ċivili bl-aktar mod sfaċċat.
Sakemm Repubblika tibqa’ tpoġġi l-imbarażż mal-monument, jien u Neville se nkompli npoġġu tagħna. Il-kampanja tagħna hi simbolika iżda tirrifletti l-assurdita’ kif monument – hu fejn hu – jista’ jiġi kkapparrat minn min ikun bl-iskuża tal-liberta’ tal-espressjoni.
Din mhix pika, iżda għajta għal raġunar.
Kif Repubblika tieqaf tpoġġi l-affarijiet tagħha, aħna nieqfu wkoll.
Jiżviluppa ‘pattern‘ perikoluż
Iżda l-affarijiet fil-pajjiż ħadu xejra stramba oħra, hekk kif Joseph Zammit McKeon, li laħaq rtira bl-eta’ mill-bank tal-ġudikatura, spiċċa maħtur b’kontroversja fil-kariga ta’ Ombudsman.
Jien kont fost dawk li waqt il-programm ‘Pjazza’ tajt l-appoġġ kollu tiegħi għall-ħatra ta’ Zammit Mckeon bħala Ombudsman, għaliex hekk hu xieraq meta nitkellmu fuq l-eks Membri tal-Ġudikatura.
Joseph Zammit McKeon kien appoġġjat b’saħħa mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista ta’ Bernard Grech, li iżda oppons li Joe Azzopardi jinħatar Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Segwejna dibattitu fuq dibattitu, b’tgħajjir mill-Oppożizzjoni għan-nomina ta’ Zammit, iżda fl-aħħar mill-aħħar il-Gvern kellu jirrikorri biex idaħħal klawsola b’urġenza biex żblokka l-impasse li nqala’ bl-għebusija ta’ ras l-Oppożizzjoni, u ż-żewġ karigi mtlew wara żmien twil vakanti.
Iżda kif daħal fil-kariga Zammit McKeon, dan il-pattern ta’ deċiżjonijiet anomali beda’ joħroġ aktar fil-beraħ.
Inħareġ rapport mill-aktar stramb, fejn Zammit McKeon iddeċieda li jikkundanna lid-Direttur tal-Ħabs għaliex ma ppermettiex lill-priġunier Youssef Essesi milli jiżżewweġ tfajla.
Essebi kien qed jiskonta piena ta’ seba’ snin fuq serq u traffikar ta’ droga, u t-tfajla tiegħu – intervistata minn Peppi Azzopardi – bl-aktar mod sfaċċat tkażat pubblikament bid-Direttur tal-Ħabs, għaliex ma ppermettiex dan iż-żwieġ.
Zammit Mckeon iżda qabad u ħadha kontra d-Direttur tal-Ħabs, u qatt ma ta każ ħafna affarijiet, fosthom li fl-intervista din it-tfajla qalet li saret taf lill-priġunier Yousef Essesi mill-Facebook, fejn kien jibgħatilha ‘miċ-ċella tal-ħabs stess’ messaġġi minn telefon ċellulari.
Issa ejjew nirraġunaw, li taqbad u tgħid li kien Essebi stess li kkuntattja lit-tfajla b’mobile mill-ħabs diġa’ għandek reat serju fuq idejk, aħseb w ara meta l-awtoritajiet tal-ħabs ikollhom fil-pussess tagħhom – u ġustament – ir-recordings tat-telefonati kollha tal-priġunieri, inkluż ta’ Essesi.
Minn dawn ir-recordings, l-awtoritajiet tal-ħabs kellhom biżżejjed provi biex lil Essebi ma jafdawħx u jiċħduh mill-privileġġi li ppretenda.
Iżda Zammit McKeon dawn l-affarijiet kollha ma qieshomx – anzi – ta’ l-arja lil Essesi li ċċelebra din iċ-ċanfira tal-Ombudsman lid-Direttur tal-Ħabs, tant, li żied fil-kampanja tiegħu kontra d-Direttur, ħareġ mill-ħabs, ma żżewweġ qatt lit-tfajla li għamlet ix-xenata biex tiżżewweġ – għax kellu tfajla oħra mal-ġenb – u għadda biex beda jqis lilu nnifsu bħala ‘untouchable’.
Meta Essesi ħareġ mill-ħabs, fuq il-paġna Facebook tiegħu, ixxowja bl-aktar mod sfaċċat b’madwar €150,000 f’dehbijiet fuq għonqu, u ma’ idejh biswit karozza Bentley li tiswa madwar €300,00 u b’dashboard indurat bid-deheb.
Essesi ntant, reġa daħal il-ħabs ġimgħa ilu, wara li tressaq il-Qorti – fost l-isteriżmu tal-Partit Nazzjonalista li talab għar-riżenja tal-Ministru Byron Camilleri – mixli li kien fost l-imħuħ wara s-serqa tal-kannabis mill-barracks tal-Armata f’ Ħal Safi.
Li kieku dan kien każ iżolat ta’ żvista mill-Ombudsman li kien għadu dieħel, nifhimha. Iżda minn dak li qed nirrakkonta, diġà wasalna għat-tieni anomalija deċiżjonali ta’ Zammit Mckeon.
It-tielet, ir-raba u l-ħames anomalija iżda, jibnu pattern ta’ deċiżjonijiet irresponsabbli, u jagħmlu mill-Ombudsman, ‘sponsor’ tad-diżubbidjenza ċivili.
Zammit McKeon – għal darb’ oħra fil-kariga ta’ Ombudsman – reġa kkundanna lid-Direttur tal-Ħabs fuq dak li fisser bl-aktar mod eżaġerat, bħala l-kultura ta’ terrur fil-Ħabs.
Armati bl-appoġġ ta’ nies bħal Peppi Azzopardi u l-Profs Andrew Azzopardi, tlett priġunieri oħra spiċċaw elevati għal status ta’ eroj.
Qed nitkellmu fuq Erin Tanti, li qed jiskonta piena twila ta’ priġunerija għaliex bġala għalliem, instiga s-suwiċidju ta’ studenta ta’ 17-il sena.
Tanti kellu lill-Profs. Azzopardi bħala l-avukat voċiferu tiegħu biex jingħata permess imur l-universita, iżda d-Direttur tal-Ħabs ħass li minħabba r-reat li biħ kien sentenzjat, dan ma kienx postu maż-żgħażagħ fuq barra.
Il-Profs Azzopardi mbarka fuq missjoni li jikkampanja bis-sħiħ favur dan Tanti. Inħareġ ir-rapport tal-Ombudsman, kellu jirreżenja d-Direttur tal-Ħabs, u Tanti akkwista l-privileġġ li joħroġ. Sakemm kien qed jingħata l-privileġġ, Tanti ħareġ tfajla tqila.
Każ ieħor li wassal għar-riżenja tad-Direttur tal-Ħabs – sforz rapport tal-Ombudsman – kien dak ta’ karattru pjuttost ikkulurit: il-‘Hassi’.
Dan il-priġunier li biddel iċ-ċella tiegħu f’tempju għal satana, bi kliem oxxen u b’vilifikazzjoni għar-reliġjon Nisrani ħa s-sodisfazzjon bil-ġudizzju tal-Ombudsman, minkejja li l-awtoritajiet tal-ħabs sabulu pupi tal-VooDoo biex isir saħta fuq il-gwardji u fuq id-Direttur.
Il-lista ta’ dawn l-anomaliji hi twila u jinkludu għadd ta’ priġunieri oħra, li kienu nterċettati fuq it-telefon mill-ħabs jitkellmu ta’ spiss mal-koppja Azzopardi.
Responsabbilta’ u bilanċ
M’għandi assolutament xejn kontra Peppi u Andrew, iżda ninkwieta li din il-kampanja tagħhom favur id-drittijiet tal-priġunieri xi drabi tkun irresponsabbilment eċċessiva.
Eċċessiva għall-fatt li minkejja l-appoġġ kollu tiegħi favur ir-rispett tad-Drittijiet Fondamentali tal-Bniedem f’kull ħin, priġunier jew m’intix, hemm ukoll kwistjoni ta’ sigurta’ u protezzjoni tas-soċjeta.
L-Ombudsman, bħal Peppi Azzopardi u Andrew Azzopardi ma jistgħux jaraw lid-dinja esklussivament mil-lenti taċ-Charter dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, iżda wkoll mil-lenti ta’ nies li huma fdati li jipproteġuna, u li bl-aktar mod konsegwenzjali jispiċċaw żarmati minn dan il-poter. Jinħtieġ il-bilanċ.
Kemm il-Ministru,kif ukoll il-Pulizija, l-Armata u d-Direzzjoni tal-Ħabs ma jistgħux jibqgħu jiżżarmaw mill-awtorita’ tagħhom, u jħallu lil min għandu kull interess, iwettaq il-pjan kriminali tiegħu għad-dannu tas-soċjeta.
L-Ombudsman intant, għandu jassumi r-responsabbilta’ tal-Uffiċċju tiegħu, li lil hinn mill-iskrivanija, ma jeżistix biss il-mikrofonu tar-Radju RTK biex jgħid kemm daħlulu każi, jew li jikteb fl-paġni tal-gazzetta MaltaToday biex jitkellem dwar it-tibdil fil-klima.
Hemm barra hemm soċjetà vulnerabbli għal nies perikolużi, u l-Ombudsman ma jista qatt jabdika mir-responsabbilta’ tiegħu lejn is-soċjeta, u b’daqqa’ ta’ pinna jispiċċa jiskredita nies tal-affari tagħhom u fl-istess ħin, jagħti l-barka għad-diżubbidjenza ċivili.
F’dan iż-żmien ta’ deċiżjonijiet anomali mill-Ombudsman, il-Ħabs tnaddaf mid-droga bis-saħħa tad-dixxiplina, regoliu, ordni u fuq kollox xogħol siewi ta’ prevenżjoni.
Li ma ndunax l-Ombudsman iżda, hi l-qawwa tal-lobby tal-barunijiet tad-droga, u l-influwenza qawwija tag’ din l-istess lobby kullimkien, partikolarment fil-ħabs.
Madwar id-dinja, t-traffikar tad-droga fil-ħabsijiet hu sors ta’ flejjes kbar. Il-preżż ta’ doża droga fil-ħabs hi aktar minn ħames darbiet li kieku wieħed jixtriha mis-suq. B’hekk l-interess intensiv tal-lobby kontra min jaħdem biex jelimina d-droga mill-ħabs.
Bid-deċizjonijiet tiegħu, indirettament l-Ombudsman saħħaħ dan il-lobby, elimina lid-Direttur tal-Ħabs, poġġiet lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali f’pożizzjoni vulnerabbli, u esponiet lill-Pulizija, lill-Armata, lil tad-Dwana u tal-Ħabs mhux biss f’periklu, iżda għaż-żuffjett tal-kriminali.
Ma naħsibx li hu xieraq hekk, f’ġieħ is-sewwa.
Dik hi l-opinjoni tiegħi!